Mur fil-bidu tal-werrej.
Inti tinsab

Glossarju ta’ termini

Dan il-glossarju jagħti t-tifsiriet ta’ xi termini kif użati fil-Lingu@net World Wide. Il-ħsieb ma kienx li l-ġabra tkun komprensiva. Iddaħħal biss il-kliem li min inqeda bis-sit talab tifsirtu.

Avvanzat
Il-kelma avvanzat tirreferi għal-Livelli Ċ1 u Ċ2 kif definiti fil- grilja ta' l-iskala globali tal-Qafas Komuni Ewropew bħala Referenza għal-Lingwi. Wieħed irid jieħu in konsiderazzjoni li xi minn daqqiet ir-riżorsi tat-tagħlim ikunu msejsa fuq definizzjonijiet differenti ta' min għandu jitqies bħala student avvanzat.
Bażiku - min għadu qed jibda jitgħallem
B' bażiku nifhmu min ikun għadu fil-livelli A1 u A2 kif definiti fil- grilja ta' l-iskala globali tal-Qafas Komuni Ewropew bħala Referenza għal-Lingwi. Wieħed irid jieħu in konsiderazzjoni li xi minn daqqiet ir-riżorsi tat-tagħlim ikunu msejsa fuq definizzjonijiet differenti ta' min għandu jitqies bħala student li għadu qed jibda jitgħallem.
Dinjiet virtwali
Tip ta’ dinja jew logħba immaġinarja u tri-dimensjonali fuq l-internet li fiha l-parteċipanti u dawk li jkunu qed jilgħabu jistgħu jadottaw karattri jew ’avatars’ u jesploraw id-dinja, jieħdu sehem f’chat jew f’logħob kumpless. It-tagħlim tal-lingwi huwa l-iżjed tip t’edukazzjoni mifrux fid-dinjijiet virtwali, b’ħafna universitajiet, l-istituti prinċipali tal-lingwi u skejjel privati tal-lingwi jużaw ambjenti virtwali 3D sabiex jgħinu it-tagħlim tal-lingwi.
Il-Ħila
Biex tkun taf lingwa trid tkun kompetenti f'bosta oqsma, ngħidu aħna fil-qari, il-kitba, is-smigħ u t-taħdit. Dawn l-oqsma nsejħulhom ħiliet. L-għarfien tal-grammatika u l-vokabolarju ġieli jinkisbu apparti mill-ħiliet l-oħra u ħafna drabi fil-listi ta' ħiliet jitqiesu bħala ħiliet separati, imqar jekk jitqiegħdu ma' ħiliet oħra. Il-pronunzja u l-ispellar ukoll ġieli jittieħdu bħala ħiliet oħra separati li jaqgħu taħt l-oqsma tat-taħdit u l-kitba. Meta nitkellmu mbagħad dwar il-ħiliet soċjokulturali u funzjonali, nifhmu l-ħila li ninqdew sew b'lingwa fil-kuntesti kulturali u soċjali.
Il-Kliem Ewlieni
L-aktar termini u espressjonijiet importanti.
Il-lingwa li tixtieq titgħallem
Il-lingwa li tixtieq titgħallem jew li għaliha tkun qed taqleb xi silta. Fil-każ tal-Lingu@net World Wide, din il-lingwa hi wkoll il-lingwa li r-riżors jixtieq jgħallem jew dik li għaliha jirreferi r-riżors. Ngħidu aħna:
  1. Riżors maħsub biex kelliema tal-Ġermaniż jitgħallmu l-Finlandiż, ifiehem il-grammatika u l-lessiku tal-Finlandiż bil-Ġermaniż: il-Finlandiż = il-lingwa li wieħed jimmira li jitgħallem, il-Ġermaniż = il-lingwa tas-sors.
  2. Dizzjunarju mill-Ingliż għall-Ispanjol: l-Ingliż = il-lingwa tas-sors, l-Ispanjol = il-lingwa li wieħed jimmira li jitgħallem.
  3. Artiklu bl-Olandiż dwar kif tgħallem il-Franċiż lil studenti ċkejknin: l-Olandiż = il-lingwa tas-sors, il-Franċiż = il-lingwa li wieħed jimmira li jitgħallem.
Il-lingwa tas-sors
Il-lingwa tas-sors hi l-lingwa li biha jkun miktub ir-riżors jew il-materjal li tinqeda bih biex titgħallem. Jaqbillek tinqeda b'riżors bil-lingwa li diġa` taf biex titgħallem lingwa oħra. Ngħidu aħna:
  1. Riżors maħsub biex kelliema tal-Ġermaniż jitgħallmu l-Finlandiż, ifiehem il-grammatika u l-lessiku tal-Finlandiż bil-Ġermaniż: il-Finlandiż = il-lingwa li wieħed jimmira li jitgħallem, il-Ġermaniż = il-lingwa tas-sors.
  2. Dizzjunarju mill-Ingliż għall-Ispanjol: l-Ingliż = il-lingwa tas-sors, l-Ispanjol = il-lingwa li wieħed jimmira li jitgħallem.
  3. Artiklu bl-Olandiż dwar kif tgħallem il-Franċiż lil studenti ċkejknin: l-Olandiż = il-lingwa tas-sors, il-Franċiż = il-lingwa li wieħed jimmira li jitgħallem.
Il-Livell
Meta ngħidu li xi ħadd jaf lingwa, nistgħu nkunu qed infissru kemm li xi ħadd jaf biss xi ftit kliem b'dik il-lingwa, kif ukoll mill-banda l-oħra, li kapaċi jikkomunika sew b'dik il-lingwa f'bosta sitwazzjonijiet impenjattivi. Il-forom differenti ta' għarfien jinqasmu f'livelli, fi kliem ieħor tal-bidu, il-bażiku, in-nofsani u l-avvanzat.
Il-Prefiss
Mal-kliem ġieli nżidu xi ittri fil-bidu biex noħolqu kliem ġdid, ngħidu aħna diż jew arċ bħal fil-kliem diżgrazzja jew arċisqof.
Il-Verb
Kelma li tirreferi għal azzjoni jew attivita`, ngħidu aħna ġera, tgħallem, ħolom.
In-Nom
Kelma li tirreferi għal xi ħaġa, xi ħadd jew xi ħaġa astratta, ngħidu aħna. karozza, tifla, ħbiberija.
Is-Sinonimi
Kliem bl-istess tifsira (jew kważi l-istess tifsira), ngħidu aħna żgħar = ċkejknin
Kinestetika jew tħaddim tas-sens tal-mess
L-istudenti jagħżlu stili differenti biex jitgħallmu l-lingwi. Min jieħu gost jitgħallem billi jiċċaqlaq minn post għal ieħor u jieħu sehem f'attivitajiet prattiċi jitqies bħala student kinestetiku, student li jħobb iġarrab biex jitgħallem.
Logħob ta' rwoli
Attivita` fejn titgħallem billi tilgħab ir-rwol ta' xi ħadd biex titħarreġ f'ħiliet varji ta' lingwa.
Materjal awtentiku
Fost ir-riżorsi fil-lingwa li tkun qed tiġi mgħallma li jistgħu jintużaw għat-tagħlim tal-lingwa, minkejja li ma jkunux inħolqu għal dan il-għan, insibu gazzetti, ċarts bit-tbassir tat-temp; skedi; fuljetti dwar mużewijiet jew wirjiet ta' l-arti u l-bqija. Tinsiex li m'hemmx għalfejn tifhem kull kelma biex tislet it-tagħrif li tkun teħtieġ!
Nofsani
Il-kelma nofsani tirreferi għal-livelli B1 u B2 kif definiti fil- grilja ta' l-iskala globali tal-Qafas Komuni Ewropew bħala Referenza għal-Lingwi. Wieħed irid jieħu in konsiderazzjoni li xi minn daqqiet ir-riżorsi tat-tagħlim ikunu msejsa fuq definizzjonijiet differenti ta' min għandu jitqies bħala student nofsani.
Tagħlim bi sħab
Meta żewġ persuni jitgħallmu l-lingwi ta' xulxin billi jiltaqgħu ta' spiss, jitkellmu bejniethom biż-żewġ lingwi, jibagħtu ittri elettroniċi 'l xulxin, iċemplu 'l xulxin jew jiċċettjaw u l-bqija. Nofs il-ħin iqattgħuh jitkellmu b'lingwa u n-nofs l-ieħor bil-lingwa l-oħra.
Test li tista' toqgħod fuqu
Test (jew għodda oħra) li biha tistħarreġ il-livell ta' kompetenza ta' xi ħadd f'lingwa tkun tista' toqgħod fuqu jekk jagħti l-istess riżultati kull darba li jsir lill-istess nies, ikun min ikun li jikkoreġih. L-ebda test ma tista' tkun ċert minnu kompletament, imma ċertu testijiet tant ikunu nħadmu sew, li tkun tista' torbot fuqhom.
Validu
Test jew għodda oħra li tassessja tkun valida jekk tassew tistħarreġ dawk l-aspetti li tistqarr li se teżamina. L-ebda test m'hu perfett, imma biex test ikun tajjeb irid ikun validu.
[ 'il fuq ]
Segwina fuq:
facebook Facebooktwitter Twitter