Din hi deskrizzjoni differenti, xi minn daqqiet umoristika ta' studenta adulta li għarfet tgħaqqad l-impenji tagħha tal-ħajja ta' kuljum mad-delizzju li għandha. Dan hu eżempju tajjeb ta' rieda soda u kreattività misjuqa minn motivazzjoni ħerqana għat-tagħlim.
Ħajti nqattagħha nieħu ħsieb il-bhejjem tar-razzett tagħna u nieħu ħsieb il-familja tiegħi. Għandi sitt itfal u qed nistenna s-seba' wild.
Minn dejjem kienu jogħġbuni l-arti, il-kulturi differenti, u t-trobbija u t-tħarriġ taż-żwiemel. Fl-aħħar qbadt u xtrajt debba pura tar-razza Għarbija ta' nisel Russu. Id-debba bi sbuħitha ġennitni warajha u xtaqt ikolli għarfien sħiħ taż-żwiemel Għarbin.
Meta nħtart membru tal-bord ta' l-assoċjazzjoni taż-żwiemel tar-razza Għarbija tal-Finlandja, bdejt nitħajjar inġib żiemel pur tar-razza Għarbija mir-Russja. L-iskola kont studjajt l-Ingliż, l-Isvediż u l-Ġermaniż, imma bir-Russu ma kontx naf inlissen kelma.
Noqgħod f'raħal żgħir fejn m'hemmx wisq opportunitajiet ta' studju u fejn it-tagħlim tal-lingwi mhux meqjus kif jistħoqqlu. Madankollu, qarib tiegħi studja r-Russu fl-Istitut għat-Tagħlim ta' l-Adulti u kien hu li ħeġġiġni nissieħeb mal-klassi. Għall-ewwel sibtha bi tqila. L-alfabett tgħallimnieh ma'l-ewwel, imma l-istruttura tal-lingwa ma stajtx nifhimha, u biex tagħqad ma stajtx inqabbilha ma' l-ebda lingwa oħra. Minkejja dan kollu, bqajt determinata li nitgħallem. Ngħidu aħna biex nitgħallem il-kliem Russu, kont niktbu fuq il-bord tal-kamra fejn naħilbu l-baqar. Kont nikteb l-ismijiet tal-baqar bl-alfabet Ċirilliku u nsellem lill-bhejjem bir-Russu, kull fil-għodu u kull fil-għaxija.
Bdejt inħossni qisni ħuta barra mill-ilma fil-lezzjonijiet tar-Russu, għax fil-klassi tiegħi kien hemm ħafna nies ta' l-iskola. Ħafna drabi ma kienx ikolli ħin biex naħdem ix-xogħol li kien jingħatali għad-dar u xi minn daqqiet bla ma rrid kien ikolli nfalli, daqqa għax uliedi jew xi bhejjem kien jkunu morda, u daqqa għax jien u sejra għal-lezzjoni kien jinqala' xi ħaġa, ngħidu aħna tieqaf xi magna. Minħabba f'hekk ġieli ġew waqtiet li fihom bdejt insaqsi lil nnifsi jekk kellix nibqa' nipprattika d-delizzju tiegħi jew inkella nieqaf ħesrem.
Imbagħad intbaħt li mhux iċ-ċirkustanzi kienu l-aktar li qed ixekkluni, imma d-drawwiet li kelli. Billi ħin ħieles ma kellix, li ridt nagħmel kien li nqassam ħini aħjar. Il-pjan tiegħi laqqamtu ''Russu dejjem u kullimkien'' u qed jaħdem bis-sħiħ! Qed inżomm il-kotba fuq il-mejda l-ħin kollu, ħalli kif ikolli l-ħin inqalleb fihom. Meta nieħu t-tfal jipprattikaw id-delizzji tagħhom, nieħu l-ktieb miegħi u noqgħod naqra. Jekk immorru sal-baħar, waqt li nixxemmex inżomm dizzjunarju f'idejja biex nipprova naqra xi rumanz bir-Russu. Tgħallimt ħafna kliem tant li m'għadnix inħossni skomda fil-preżenza tal-persuni l-oħra tal-klassi.
Il-kultura Russa togħġobni ħafna: qed nipprova riċetti Russi; nara programmi Russi fuq it-TV, insegwi l-aħbarijiet u naqra l-artikli kollha li jiġu għal idejja dwar ir-Russja moderna. Xtrajt xi magażins Russi dwar iż-żwiemel u bla mistenni sibt li kont kapaċi nifhem x'kien hemm stampat fihom!
Bħalissa qiegħda bil-lif tal-maternità. Diġà qegħidt rumanz Russu u ktieb tal-grammatika ma' l-ixkupilja tas-snien u l-affarijiet l-oħra li se nieħu miegħi l-isptar. Qed nagħmel ħilti kollha biex pass pass b'rieda soda u b'umiltà nirrealizza l-ħolma tiegħi.
Minn din l-istorja, wieħed jista' jislet ħafna ideat kif wieħed għandu jagħmel biex jegħleb kull intopp li jħabbat wiċċu miegħu hu u jitgħallem lingwa. Tixtieq tara iktar ideat dwar x'għandek tagħmel meta tkun marsus bil-ħin? Il-mara rabtet it-tagħlim mal-ħidma li qed twettaq - taħseb li dan huwa mod tajjeb għalik biex titgħallem?
