Minn dejjem kienu għal qalbi l-lingwi barranin. Meta kont għadni tifla, kont nara programmi televiżivi tat-tfal bl-Isvediż - għal xi raġuni l-pronunzja Svediża kienet tolqotni. L-Isvediż minn dejjem kont miġbuda lejh. L-inkoraġġiment ta' l-għalliema li għarfu li kont tajba fil-lingwi, imlieni bil-fiduċja. Meta wasalt fis-7 grad, fassalt tir ġo moħħi: ridt li nkun jien li fi tmiem id-9 grad nieħu l-borża ta' studju biex nistudja l-Isvediż. Tgħidx kemm kont kuntenta biha nnifsi meta smajt ismi jingħad fiċ-ċerimonja ta' tmiem l-iskola.
L-istrateġija li ninqeda biha biex nitgħallem lingwa hi sempliċi: nipprova nisma' kemm niflaħ il-lingwa li nkun irrid nitgħallem mitkellma. Ma nafx għaIiex magħmula hekk, imma jekk ma jkollix kasett x'nisma' bil-lingwa li nkun qed nitgħallem, inġib id-dinja fit-tarf biex nitgħallem dik il-lingwa. Meta l-istess silta nismagħha għal bosta drabi, nibda nifhem il-karatteristiċi tal-pronunzja. Jista' jkun li mill-pronunzja nintebaħ minn xiex inhi magħmula l-lingwa. Żgur li nbati qatigħ biex nitgħallem lingwa li mhix mitkellma, ngħidu aħna l-Latin.
Inħobb naħseb dwar l-aħjar mod li bih nitgħallem. Ftit li xejn nistudja l-listi ta' kliem li jkun hemm fuq il-kotba ta' l-iskola. Inħobb naqra l-magażins barranin u r-rumanzi minflok. Importanti li t-testi nagħżluhom aħna. Meta nagħżlu kontenut li jogħġobna, aktar niftakru xi nkunu qrajna. Meta kont fl-iskola post-sekondarja, kont ktibt djarju bl-Ingliż. Ommi u qrabatha jħobbu jerfgħu salib ħaddieħor, imma b'xorti tajba għalija, l-Ingliż ma jifhmuhx! Tgħallimt ukoll nikteb dwar bosta suġġetti bla ebda diffikultà ta' xejn.
Bħalissa qiegħda nistudja l-università: bħala suġġett ewlieni għandi l-lingwa u l-kultura Franċiża. Għażilt il-Franċiż għax naħseb li fil-ġejjieni se neħtieġu biex insib xogħol. Aktar ma nitgħallem, aktar jikber l-għatx ġo fija għat-tagħlim tal-lingwa. Kull lingwa u kultura għandha xi ħaġa speċjali, bit-tajjeb u l-ħażin tagħha. Nitgħaxxaq nitgħallem espressjonijiet idjomatiċi li ma tantx tkun tista' taqlibhom f’ lingwi oħra.
L-istudenta ta' din l-istorja konxja ħafna ta' l-istrateġiji li tuża biex titgħallem, u l-għanijiet li għalihom qed titgħallem. Fil-bidu importanti ħafna għaliha li tisma' ħafna l-lingwa l-ġdida li tkun se titgħallem mitkellma. Agħfas biex issir taf aktar dwar modi differenti ta' kif wieħed jitgħallem.
