Billi minn dejjem xtaqt nitgħallem iċ-Ċiniż, darba mort f'ħanut biex nara x'kotba kien hemm li setgħu jgħinuni. Rajt il-kaligrafija Ċiniża, li ilha għomor ssaħħarni. Kien hemm paġna wara oħra mimlija ittri sbieħ, kull ittra kumplessa b'linji u tikek, liwjiet u dwawar. Aktar ma bdejt inqalleb fil-ktieb, aktar il-kitba bdiet tidher ikkumplikata. Li nitgħallem lingwa bħal dik dehret ħaġa ta' barra minn hawn; rasi bdiet iddur bija u ħlift li ma kontx se nkun kapaċi nitgħallem iċ-Ċiniż. Għalaqt il-ktieb bilġri, poġġejtu f'postu fuq l-ixkaffa u bewwiġt 'il barra.
Madanakollu, bqajt nittama. Għaddiet sena u sibt ruħi nistudja ċ-Ċiniż (wara li rkuprajt mill-qatgħa li kont ħadt dak in-nhar) f'Ċentru għat-Tagħlim ta' l-Adulti. Kif kont qed nistenna, it-tagħlim sibtu tqil, konfuż u kkumplikat tal-biża', anke jekk eċċitanti, ġaladarba daħħaltha f'rasi li ridt nitgħallem inlissen imqar sentenza waħda biċ-Ċiniż! Għadda term u sibt ruħi nissokta l-istudji tiegħi l-università.
Issa l-istudji tiegħi saru kważi manija. Kont smajt xi żmien ilu b’kards li jgħinuk titgħallem. Dawn ikunu biċċiet kwadri tal-kartonċin bi kliem Ċiniż fuq naħa u t-tifsira u l-pronunzja tiegħu fuq l-oħra. Dawn il-kards sibthom tajbin ħafna biex nitgħallem l-ittri. Ħafna kliem Ċiniż hu magħmul minn żewġ ittri jew aktar. Għaldaqstant il-kards li għamilt ma kinux jgħallmuni kliem ġdid. Xogħolhom kien imma li jgħallmuni s-sisien li fuqhom jinbena l-kliem u la darba titgħallem kif inhuma msejsa s-sisien, imbagħad tista' ssawwar kliem kemm trid.
Il-kards kont inġorrhom miegħi kull fejn immur. F'buti dejjem kont issibli xi mazz karti u kull x'ħin kien ikolli minuta ċans, kont noħroġhom u nagħtihom titwila. Kont nitħarreġ jien u miexi fit-triq, waqt li nistenna lil tal-linja, fuq il-ferrovija ta' taħt l-art; saħansitra anke fil-lift li jtella' l-iskijers!
Wara term fl-Università ta' Stokkolma, spiċċajt Beijing, fejn stajt naħdem aktar fuq il-lingwa li kont qed nistudja. Dik li kont fil-pajjiż innifsu, qalb in-nies nitkellem magħhom, swietli mitqlu deheb.
Insomma, biex inkun għedt kollox, għaġġibtha meta għedt li sirt naf nitkellem biċ-Ċiniż. F'dan l-istadju kont inġaħġaħha - għall-ħwejjeġ ta' kuljum kont ninqeda. Meta mbagħad bdejt nifhem sentenza sħiħa, ridt intir bil-ferħ. Irrealizzajt li kont tassew kapaċi nitgħallem dil-lingwa, imma kelli bżonn ħafna ħin, enerġija, sabar u interess qawwi fil-lingwa.
Tul dan iż-żmien, kważi m'għamilt xejn għajr nistudja. Kont immur għal-lezzjonijiet, nagħmel ix-xogħol li jagħtuni għad-dar u kull fil-għaxija mmur il-privat għand għalliem ieħor. Kont inqatta' madwar 11 -il siegħa kuljum, mis-6.30 ta' fil-għodu sas-7.00 ta' fil-għaxija nitħarreġ fiċ-Ċiniż. Kont nieqaf biss għal siegħa biex niekoI f'nofsinhar. Bil-lejl kont nara għal xi sagħtejn it-TV Ċiniż, u wara kont nispiċċa qisni biċċa ċarruta, għajjiena mejta fil-veru sens tal-kelma!
Il-proġett tiegħi li nitgħallem iċ-Ċiniż fnieni, imma kienet esperjenza sabiħa u ħadt gost. Fi żmien sentejn tikseb ħakma tajba ta' lingwa. Tkun teħtieġ ħafna aktar żmien biex ikollok ħakma soda. Mingħajr ma noqgħod ngħaġġibha, ikolli nistqarr li t-tagħlim qalagħli fwiedi, imma ma kienx hemm sekonda li t-tagħlim ma tanix sodisfazzjon.
Catarina Lilliehöök
Frott il-ħidma sfiqa li għamilt, ksibt riżultati tajbin. Agħfas fuq għal aktar ħjiel kif timmotiva lilek innifsek!
Din l-istudenta nġibdet wara l-lingwa li xtaqet titgħallem, għax kienet togħġobha l-kaligrafija Ċiniża. Dan juri li din l-istudenta titgħallem b’mod viżwali. Tixtieq tkun taf liema mod kif titgħallem jgħodd għalik?
Dan ir-rakkont inkiteb apposta għal Lingu@net World Wide u qed jinġieb bil-permess ta’ min kitbu, fi kliem ieħor Catarina Lilliehöök. Din il-kittieba kitbet ukoll ktieb biċ-Ċiniż dwar kulturi f’kunflitt ma’ xulxin u kulturi differenti, u ktieb bl-Isvediż dwar iċ-Ċina.
